L-Aħħar Tagħrif

IL-ĠABRA TAX-XAHAR
Il-Ħadd huwa t-Tieni Ħadd tax-Xahar. Għalhekk imiss li ssir il-Ġabra Speċjali tax-Xahar b’riżq il-Fond tar-Refurbishment tal-Oratorju. Baqgħalna eluf kbar x’jitħallsu b’konnessjoni max-xogħol li qed isir biex ikollna l-Arja Kundizzjonata mal-Oratorju kollu. Kunu ġenerużi.

VIŻTA PASTORALI FL-ORATORJU
Mons. Isqof Anton Teuma bħalissa qed jagħmel il-Viżta Pastorali fid-Djoċesi tagħna. Nhar il-Ħadd 26 ta’ Jannar ikun imiss lill-Oratorju. Dakinhar l-Isqof se jkun preżenti għall-Quddiesa tat-8:00am, u wara jibqa’ magħna biex jiltaqa’ b’mod informali magħna. Dawk kollha li jkunu jixtiequ jkellmuh, anki privatament, jistgħu jagħmlu dan ukoll.

ĠEJJA L-FESTA TA’ DON BOSCO
Din is-sena Jum il-Festa ta’ San Ġwann Bosco ser ikun nhar il-Ħadd 2 ta’ Frar. Il-programm tal-festa issa ġie finaliżżat, u f’dawn il-ġranet se jkun stampat biex ikun jista’ jitqassam. Il-Festa tibda bħall-Ħamis li ġej tmient’ijiem (23 ta’ Jannar) meta tibda n-Novena ta’ Don Bosco. Nappellaw biex min jista’, joffri li jagħti daqqa t’id fit-tħejjijiet għall-Festa.
IKLA B’RIŻQ IN-NAR TAL-FESTA
Nhar il-Ħamis li ġej se tkun organiżżata Ikla fl-Oratorju b’riżq l-ispejjeż tan-Nar li jinħaraq minn fuq il-bjut fil-Festa. Aħna ma tantx ikollna nar, imma l-ftit li jkollna u li jkun sabiħ immens speċjalment fid-Dħul tal-Purċissjoni, ikollu wkoll l-ispejjeż tiegħu. Il-preżenza tagħkom fl-Ikla ta’ nhar il-Ħamis tqawwi qalb lil dawk li jieħdu ħsieb dan l-aspett tal-Festa. Il-preżż tal-Ikla ta’ nhar il-Ħamis huwa ta’ €20 għall-Kbar u €13 għat-Tfal. Inkitbu fil-Bar tal-Oratorju jew inkella kellmu lil d. Effie.
IL-ĠBIR TAL-FESTA
Fil-ġranet li ġejjin se jibda wkoll il-Ġbir għall-Festa ta’ San Ġwann Bosco. Minkejja li tagħna hija Festa żgħira, madankollu xorta jkun hemm spejjeż li jeħtieġ li jitħallsu. Għalhekk l-appell tagħna huwa biex tkunu ġenerużi.
AĦSBU GĦALL-IKLA TAL-FESTA
L-Ikla tal-Festa din is-sena se ssir bħas-snin l-imgħoddija lejlet il-Festa, jiġifieri s-Sibt l-1 ta’ Frar fit-8:00pm. Din is-sena se ssir fil-Grand Hotel, l-Imġarr. Inkitbu għand Dun Effie.

POCKET CALENDARS U DESK-CALENDARS TAL-ORATORJU
Dan l-aħħar tqassmu l-Pocket Calendars u d-Desk Calendars tal-Oratorju tas-sena 2025. Min għal xi raġuni għadu ma akkwistax kopja jista’ jieħu min-naħa ta’ wara tal-Kappella.

STRINA LILL-ORATORJU
Grazzi lil dawk li fl-okkażjoni tal-istaġun festiv li qed jintemm ftakru fl-Oratorju, u taw l-Istrina tagħhom b’riżq dan il-post. Don Bosco ipattilkom tal-imħabba tagħkom lejh.
