L-Aħħar Tagħrif

“BEAUTY & THE BEAST”
Il-Ħadd fil-5:30pm issir l-aħħar rappreżentazzjoni tal-musical grandjuż ta’ Disney “BEAUTY AND THE BEAST”. Dan l-ispettaklu mużikali żgur se jibqa’ mnaqqax fl-istorja tal-Oratorju bħala wieħed mill-iktar musicals li offra spettaklu ta’ kant, xenarju, kostumi u mużika eċċezzjonali. Prosit u Grazzi lil dawk kollha li ħadu sehem jew ħadmu f’dan il-musical ikoniku ta’ Disney. Għal darb’oħra, għollejtu isem l-Oratorju u isem Għawdex b’dak li għamiltu. U aħna kburin bikom!.

ĊELEBRAZZJONI DJOĊESANA NHAR IL-ĦADD LI ĠEJ FIL-FESTA TA’ KRISTU RE
Din se ssir nhar il-Ħadd li ġej b’Korteo minn ħdejn is-siġra ta’ Pinu li jintemm b’Quddiesa mill-Isqof Anton Teuma fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu. Tibda fl-4:00pm. F’każ ta’ maltemp kollox isir fis-Santwarju. Agħmlu ħilitkom biex tkunu preżenti.

M’HEMMX FILM IL-ĦADD
Peress li l-Ħadd għandna l-aħħar rappreżentazzjoni tal-musical BEAUTY AND THE BEAST, Ċinefamilja ma jsirx. Il-films għall-familja kollha jkomplu mill-ġdid mill-Ħadd 23 ta’ Novembru, meta dakinhar jintwera “Superman”.

JUM IL-FOQRA - JUM IL-KARITA’
Il-Ħadd, il-Jum Dinji tal-Foqra, il-ġbir kollu li jsir waqt il-Quddies se jkun b’riżq il-karita’ li tqassam il-Caritas Djoċesana. Kunu ġenerużi.

IL-MUSICAL TAL-LEJL TAL-MILIED
It-tfal u l-adoloxxenti Ii jixtiequ jieħdu sehem fil-musical żgħir li nagħmlu fil-kappella fil-Lejl tal-Milied fil-11.30pm (qabel il-Quddiesa ta’ Nofs il-Lejl) ikellmu lil Dun Effie.

ABBATINI
Il-ġenituri tat-tfal subien u bniet minn Year 3 ’il fuq li jixtiequ jservi l-artal fil-Kappella tal-Oratorju bħala abbatini għandhom ikellmu lil Dun Effie

JUM DUN PAWL MICALLEF
Il-Ħadd 23 ta’ Novembru, fl-anniversarju tal-mewt tiegħu, infakkru lil Dun Pawl Micallef, il-fundatur tal-Oratorju. Inħeġġu lil kulħadd biex dakinhar niltaqgħu għall-Quddies fl-Oratorju.
